Il-Parroċċa Tal-Mosta U L-Ewwel Knisja Tagħha

Il-parroċċa tal-Mosta twaqqfet fis-16 ta’ Settembru tal-1608. F’dak iż-żmien kien hemm diġà knisja ċkejkna biex taqdi l-bżonnijiet spiritwali tal-Mostin. Kienet iddedikata lill-Madonna mtellgħa s-sema. Minħabba li n-numru ta’ nies fir-raħal kien qed dejjem jiżdied, il-poplu Mosti ħass li kellha tinbena knisja akbar. Kien, għalhekk, fl-1610 li l-komunità tal-post ikkummissjonat lil Tumas Dingli (1591-1666) biex jagħmel id-disinn tal-pjanta għal knisja ġdida fil-forma ta’ salib Latin. Din il-knisja nbniet u serviet lill-Mostin għal aktar minn żewġ sekli. Minħabba li l-popolazzjoni baqgħet tiżdied, maż-żmien din il-knisja saret żgħira wisq għall-bżonnijiet tal-parroċċa.