Il-Bini Tal-Bażilika

Il-ħsieb li tinbena knisja akbar u aktar moderna nibtet fl-ewwel snin tas-seklu dsatax.  

Fuq dan il-proġett in-nies tal-Mosta, immexxijin mill-kappillan Dun Feliċ Calleja, kienu kollha jaqblu.  Madankollu, minħabba li faqqgħet l-imxija tal-pesta u problemi oħra, dan il-proġett kien tpoġġa fil-ġenb għal dak il-mument. Imma ma kienx intnesa. Meta is-sitwazzjoni kkalmat, il-proġett reġa’ ħa l-ħajja, u numru ta’ arkitetti ressqu disinji għall-knisja l-ġdida. Fost dawn kien hemm l-inġinier Ġorġ Grognet de Vassé, li għalkemm ta’ dixxendenza Franċiża, kien twieled u ġie mgħammed f’Malta. Kien wieħed mill-inġiniera militari ta’ Napuljun Bonaparte matul l-ispedizzjoni Eġizzjana tal-1798.

Il-Kappillan Calleja għażel il-pjanta ta’ Grognet għax kienet tixbah lill-Pantheon ta’ Ruma, il-knisja li fiha Dun Feliċ kien qaddes l-ewwel quddiesa tiegħu, liema knisja kienet baqgħet f’qalbu u f’moħħu matul ħajtu kollha.

Il-Kappillan Calleja lesta l-preparamenti kollha u qabel ma miet ħalla ġidu fit-testment għall-bini ta’ din il-knisja. Dun Ġammari Schembri, qassis Mosti, li serva bħala viċi kappillan f’dak iż-żmien, għenu f’din l-impriża. Meta Dun Feliċ miet, kien Dun Ġammari li ħa ħsieb it-tkomplija tax-xogħol meta laħaq il-kappillan il-ġdid tal-Mosta