Il-Miraklu Tal-Bomba

Fil-qilla tat-Tieni Gwerra Dinjija, nhar id-9 ta’ April 1942, kienet qed issir fil-knisja adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija. Kien hemm madwar 300 ruħ preżenti. Kienu xi l-4.40pm meta nstema’ l-ħoss qawwi tal-ajruplani tal-gwerra. Dawk in-nies donnhom ħassew x’kien ġej fuqhom u kollha ġrew biex isibu kenn fil-kappelli fil-ġnub tal-knisja. Ir-rotunda ntlaqtet u bomba ta’ 1100 libbra daħlet minn ġol-koppla, ħabtet ma’ wiċċ Kristu li hemm fil-pittura ta’ Kristu qed jgħallem lill-Appostli li tinsab fuq in-naħa ta’ wara, viċin il-gallerija tal-orgni. Il-bomba waqgħet mal-art u baqgħet titrembel sa ħdejn il-pulptu. Il-knisja mtliet bit-trab u l-biċċiet tal-ġebel li waqa’ mit-toqba li kienet għamlet il-bomba hi hu dieħla, imma din mirakolużament ma splodietx.  Ħadd ma weġġa’ minn dawk li kien hemm fil-knisja. Il-toqba li għamlet il-bomba kienet fiż-żona tal-ħames kwadrett fuq il-kelma ASSUMPTA li tista’ tara ’l fuq mit-twieqi ta’ taħt il-koppla.

Ta’ interess hi l-irħama kommemorattiva ta’ Antonju Mifsud li hemm fin-nofs tal-kappella ta’ San Pawl, eżatt quddiem l-artal. Din kienet ixxaqqet bil-bomba u wara l-gwerra kienet inżammet mhux restawrata biex tibqa’ xhieda ta’ dan l-avveniment mirakoluż. Din il-ġrajja titfakkar kull sena fid-9 ta’ April. Fl-4.40pm il-qniepen tal-Bażilika jdoqqu b’mod solenni u jitkanta Te Deum bħala ringrazzjament lil Alla li ħeles lill-knisja mill-ħsara kbira jew il-qerda totali li setgħu ġraw kieku l-bomba splodiet.