Il-Kappella Tal-Madonna Tal-Konsolazzjoni  

Il-pittura prinċipali hi ta’ Stiefnu Erardi mill-aħħar kwart tas-seklu sbatax, u turi lil Santa Marija bil-Bambin Ġesù bilwieqfa fuq ħoġorha waqt li qed iżomm iċ-ċintura, speċi ta’ kurdun li jissimbolizza l-preżenza u l-inkoraġġiment tal-Madonna. Numru ta’ qaddisin jidhru fil-kwadru – Sant’ Anna, San Ġwakkin, San Ġużepp, San Nikola ta’ Tolentino u Santa Katerina ta’ Lixandra. Fil-parti t’isfel jidhru Santu Wistin u ommu Santa Monika qed jirċievu ċ-ċintura.

Iż-żewġ kwadri tal-ġnub huma xogħol Ġużeppi Calì tal-1883. Tal-lemin juri lil Santa Monika qed tirċievi l-aħbar tal-konverżjoni ta’ binha Santu Wistin. Fl-istess pittura, tidher fil-bogħod il-magħmudija ta’ Wistin minn San Ambroġju ġewwa Milan, nhar l-24 ta’ April tas-sena 387.

Il-pittura tax-xellug tfakkar il-mewt qaddisa ta’ Santu Wistin. Possidju jindika li Wistin għadda l-aħħar jiem ta’ ħajtu fit-talb u l-penitenza, u ried li Salmi penitenzjali ta’ David jitpoġġew quddiemu biex ikun jista’ jaqrahom.

Iż-żewġ monumenti tal-irħam li hemm f’din il-kappella juru lil Ġorġ Grognet de Vassé li ddisinja l-knisja preżenti, u lill-Arċipriet Dun Pawl Xuereb, li rsista biex din il-knisja tiġi mgħollija għal waħda arċipretali mill-Vatikan.