Il-Kappella Ta’ San Rokku, San Bastjan U Santa Rożalija
Il-kwadru prinċipali hu ta’ Stefano Erardi, sar fl-1676 u juri t-tliet qaddisin protetturi kontra l-pesta.
Il-pittura fuq il-lemin hi ta’ Rafel Caruana u saret fl-1868. Turi lil San Rokku maġenb raġel infettat bil-pesta. San Rokku twieled minn familja nobbli madwar is-snin 1300 ġewwa Montpellier, fi Franza. Wara l-mewt tal-ġenituri ta l-ġid kollu lill-fqar u ħa l-vot tal-faqar. Waqt li kien qed jivvjaġġa lejn Ruma bħala pellegrin, l-Italja ntlaqtet mill-pesta. Rokku għen lil ħafna nies infettati billi kien jitlob għalihom u jagħmel is-sinjal tas-salib. Anki hu ħa l-marda u mar jistkenn ġewwa għar.
Il-pittura fuq ix-xellug hi wkoll xogħol Caruana, u tlestiet fl-1866. Turi lil San Bastjan, uffiċjal fl-armata Rumana, fil-mument li qiegħed jiddefendi l-Fidi Nisranija quddiem l-imperatur. Meta l-Imperatur Dijoklezjanu sar jaf li Bastjan kien Nisrani, dan ikkundannah għall-mewt billi jisparawlu l-vleġeġ. Madankollu, Bastjan ma mietx u ġie salvat minn Irene, armla tajba Nisranija. Wara li fieq, reġa’ mar għan Dijoklezjanu biex iwissih dwar dnubietu, u l-imperatur issa ordna li Bastjan ikun imsawwat bil-bsaten sal-mewt.
Żewġ busti tal-irħam f’din il-kappella juru lil Anġlu Gatt, l-imgħallem bennej tal-bażilika, u lill-Kavallier Karmenu Dimech, benefattur ġeneruż ta’ din il-knisja.