Ix-Xelter Tal-Gwerra Fil-Mosta (1940-45)

Għall-Malta, it-Tieni Gwerra Dinjija bdiet fl-10 ta’ Ġunju 1940 meta l-Italja Faxxista ddikjarat gwerra fuq il-Gran Britannja. Billi kienet kolonja Ingliża, mill-11 ta’ Ġunju, Malta bdiet tkun bbombardjata regolarment mill-forza tal-ajru Taljana. Il-gżira ma kinitx ippreparata għal dawn l-attakki. Il-popolazzjoni ċivili kellha tfittex kenn minn dawn il-bombi minnufih imma dan ma kienx faċli. Fil-Mosta, wieħed mill-ewwel postijiet użati bħala forma ta’ kenn kienet ir-Rotunda, u anki l-kripta fuq in-naħa ta’ wara tal-knisja kienet użata bħala xelter mill-Mostin.

Il-gvern ħa passi biex jipprovdi xeltrijiet adegwati għall-popolazzjoni u fil-Mosta, bħal fi bliet u rħula oħra, ġew imħaffra numru ta’ xeltrijiet għall-użu tan-nies tal-post u rifuġjati li ġew fir-raħal  għas-snin tal-gwerra. Mhux inqas minn 37 xelter pubbliku tħaffru fil-Mosta; wieħed minnhom jinsab quddiem il-knisja parrokkjali. Parti minn dan ix-xelter tgħaddi minn taħt iz-zuntier. Numru mhux ħażin ta’ Mostin ħaffru xeltrijiet privati fid-djar tagħhom.

Xeltrijiet kontra l-attakki mill-ajru ġew imħaffra fil-blat samm li għalhekk kien xogħol diffiċli ferm. Il-proċess kien jirrikjedi ħin twil sew minħabba l-ebusija tal-blat u għax l-għodda kienu sempliċi. Per eżempju, ix-xogħol fuq ix-xelter tar-Rotunda beda fl-1940 u tlesta biss ħames xhur wara meta seta’ jintuża fl-1941. Ġie mħaffer bil-baqqun minn 15-il raġel tas-sengħa li ħadmu f’xiftijiet ta’ binhar u billejl. Għandu tul ta’ 75 metru u qiegħed f’fond ta’ 7 metri.

Sa Novembru tal-1942 kien hemm biżżejjed xeltrijiet biex jakkomodaw 6,667 persuna. Numru ta’ nies kienu involuti fix-xogħol konness max-xeltrijiet – fosthom minaturi, ħaddiema tas-sengħa, dawk li kienu jieħdu ħsieb l-indafa tal-post, u oħrajn li kellhom jassikuraw l-użu korrett tax-xeltrijiet.