Il-Kor Fuq Wara Tal-Artal Maġġur 

Kif tidħol fil-kor u tħares ’il fuq, tara l-kwadru titulari tal-Assunzjoni tal-Madonna akkumpanjata mill-anġli, filwaqt li l-Appostli jsegwu x-xena miġbura flimkien madwar il-qabar vojt. Dan hu xogħol ta’ Stiefnu Erardi li kien sar għall-knisja ta’ qabel.

B’digriet tal-Papa Pawlu VI, fl-10 ta’ Awwissu 1975, l-Arċisqof ta’ Malta Mons. Mikiel Gonzi nkuruna x-xbiha ta’ Santa Marija billi poġġa kuruna tad-deheb b’ħaġar prezzjuż fuq ras il-Madonna. Fil-25 anniversarju ta’ dan l-avveniment, l-10 ta’ Awwissu 2000, tnax-il kewkba tad-deheb ġew miżjuda madwar ir-ras inkurunata tal-Madonna.

L-apside prinċipali fih pittura tat-Trinità Qaddisa filwaqt li qed tilqa’ lill-Verġni Mqaddsa hi u dieħla l-Ġenna. Dan ix-xogħol, li sar minn Ġużeppi Calì fl-1880, jinkludi wkoll numru ta’ qaddisin.

Taħt il-kwadru titulari tal-Assunta hemm niċċa fuq l-artal bir-relikwi mqaddsa ta’ San Paċifiku, li jikkonsistu minn partijiet mill-iskeletru ta’ martri Nisrani mhux magħruf tal-ewwel żmien tal-Kristjaneżmu, u li kienu nġiebu l-Mosta fl-1783 miċ-Ċimiterju ta’ Santa Priscilla ta’ Ruma.

L-artal li hemm fil-kor inbena fl-1682 u kien l-artal maġġur tal-knisja ta’ qabel. 

Fuq kull naħa tal-kor hemm tliet statwi li jirrappreżentaw l-arkanġli, xogħol fl-istukko ta’ Ċensu Apap ta’ madwar l-1936. Is-sitt arkanġli huma: Gabriel, Jehudiel, Uriel, Rafel, Sealtiel u Barakiel. 

Fl-ispazju tal-presbiterju hemm l-artal tal-irħam li kien inbena fl-1871 minn artisti Sqallin. Dan kien sar għar-Rotunda l-ġdida. Meta tħares lejn dan l-artal, fuq kull naħa hemm statwa ta’ evanġelista – San Ġwann fuq ix-xellug u San Luqa fuq il-lemin. Dawn huma xogħol fl-irħam ta’ Sebastjan Spampinato mill-1911. Qabel mal-Konċilju Vatikan II daħħal riforma fil-liturġija, dawn l-istatwi kienu jservu bħala leġiji għall-qari tal-Vanġelu u l-Epistola.

Aktar riċenti żdiedu l-artal mejda, l-ambone u s-sedja. Dawn huma tal-irħam ta’ Carrara u nħadmu mid-ditta Lo Conte Marmi tal-Italja. Saru fl-2018 fl-okkażjoni tal-proklamazzjoni tal-knisja bħala Bażilika Minuri. Id-disinn tagħhom jikkumplimenta l-istil neoklassiku ta’ din il-Bażilika. L-artal kien ikkonsagrat mill-Arċisqof ta’ Malta Mons. Charles J. Scicluna fl-10 ta’ Awwissu 2018.