Il-Kappella Tar-Rużarju
Il-pittura prinċipali turi lill-Madonna bil-kuruna tar-Rużarju f’idha l-leminija filwaqt li qed terfa’ lil Ġesù tarbija fuq idha x-xellugija. Ix-xena tinkludi lil San Duminku u lil Santa Katerina ta’ Siena. Kien fis-sena 1214 li l-Knisja rċeviet ir-Rużarju fil-forma preżenti, meta dan ingħata lil San Duminku mill-Verġni Mqaddsa bħala mezz ta’ konverżjoni għall-eretiċi Albiġensi u midinba oħra. Din hi pittura ta’ Ġużeppi Calì tal-1870.
Il-pittura tal-lemin turi lil Santa Katerina ta’ Siena quddiem il-Papa Gregorju XI fl-1377. Katerina kienet influwenti ħafna fid-deċiżjoni li ħa l-Papa li jmur lura fil-belt ta’ Ruma wara 70 sena jgħix f’Avignon, ġewwa Franza. Dan hu xogħol ta’ Calì tal-1883.
Fuq ix-xellug hemm xogħol ieħor ta’ Calì mis-sena 1883 li juri lil San Duminku jippriedka kontra l-ereżija tal-Albiġensi li kienet tinkoraġġixxi s-suwiċidju biex tinħeles ir-ruħ mill-ġisem li kien ikkonsidrat ħażin minnu nnifsu.
F’din il-kappella jinstab il-bust tal-irħam ta’ Dun Feliċ Calleja, li kien kappillan għal 36 sena u li minħabba l-ħolma tiegħu nbniet ir-rotunda preżenti fuq il-mudell tal-Pantheon ta’ Ruma.