Il-mitħna l-qadima – il-qawwa tar-riħ u d-dqiq
L-imtieħen kienu jintużaw biex jitħnu ċ-ċereali bħall-qamħ, u hekk jagħmlu d-dqiq. L-enerġija tar-riħ kienet mezz effiċjenti biex jiddawwar il-mekkaniżmu tat-tħin li kien jinsab ġewwa l-binja tal-mitħna. Id-dqiq kien essenzjali biex isir il-ħobż, l-ikel bażiku fil-passat għal dawk il-fqar li ma kellhomx wisq għażla dwar x’ikel setgħu jixtru.
Matul is-snin il-Mosta kellha ħamest imtieħen. Tnejn minnhom għadek issibhom fi Triq il-Mitħna l-Qadima. Din it-triq ħadet isimha mill-aktar mitħna antika fil-Mosta u li tinstab nofs triq int u sejjer lejn Ta’ Qali. Din it-triq kienet waħda importanti fil-passat għal dawk li mir-Rabat, Ta’ Qali jew Ħ’ Attard riedu jaslu l-Mosta.
Jidher li dil-mitħna nbniet fl-1757 u ġiet imsemmija ‘Ġesù ta’ Nazaret’. Madankollu, l-arma tal-Gran Mastru Carafa (li rrenja bejn l-1680 u l-1690) jista’ jkun li tindika li kien hemm mitħna oħra qabel dik li naraw illum.
Il-mitħna l-oħra li hemm wieqfa ftit metri ’l bogħod inbniet fil-perjodu Ingliż u tinstab fil-kantuniera ma’ Vjal Indipendenza.
Direzzjoni