Il-Kappella ta’ San Pawl Eremita u Wied l-Isperanza – folklor u sbuħija naturali

Din il-kappella ċkejkna hija mibnija ġewwa għar fil-ġenb ta’ Wied il-Għasel li jifforma parti mill-wied twil tal-Isperanza. Ix-xenarju hu tassew pittoresk. Fil-ġewwieni tal-kappella l-mibnija hemm kappella oħra msawra fil-blat fl-aktar parti fonda tal-għar.

Il-kappella hi marbuta mal-leġġenda ta’ San Korradu li hu miżmum li għex hawn għal xi żmien. Madankollu, meta kien akkużat inġustament mill-komunità tal-post, ħassu kostrett li jitlaq lejn Għawdex biex jaħrab mill-fastidju tal-Mostin. Korradu Confalonieri kien ġej minn familja nobbli minn Piacenza u f’waqt minnhom iddeċieda li jingħaqad mat-Terz Ordni ta’ San Franġisk bħala membru penitent u beda jgħix ħajja ta’ eremit.

Nixxiegħa tqattar mill-blat kienet element magħruf ħafna marbut mal-kappella. Ħafna nies, fosthom anki l-Gran Mastru Pinto, kienu jieħdu minn dan l-ilma li kien kunsidrat ta’ benfiċċju għas-saħħa.

Wied il-Għasel huwa l-wied prinċipali tal-Mosta u joffri lil dawk li jħobbu n-natura ċans li jgawdu xena differenti mill-belt ftit bogħod kollha bini tal-Mosta. Fjuri selvaġġi, għelieqi abbandunati, blat imħatteb, u xmara ta’ ilma wara xi ħalba xita qawwija, jagħmlu dan il-wied post tal-għaġeb fejn wieħed jista’ jaħrab għal ftit ħin mill-ħajja mgħaġġla tad-dinja moderna.

Direzzjoni