Il-Katakombi Ta’ Bistra – post Nisrani bikri tad-dfin
Il-katakombi Ta’ Bistra jmorru lura għar-raba’ seklu wara Kristu u ġew skoperti fl-1871. Dan l-ipoġew li fi żminna jidher fuq iż-żewġ naħat tat-triq, kien jinsab f’għalqa magħrufa bħala Ta’ Bistra u minn hemm ġej l-isem. Dan is-sit jinsab fiż-żona msejħa l-Beżbiżija, fit-tarf tal-Mosta.
Il-kumpless katakombali hu wieħed estensiv, li jiġbor fih numru kbir ta’ kmamar għad-dfin imħaffra fil-blat. Filwaqt li l-użu oriġinali kien dak ta’ ċimiterju, maż-żmien in-nies tal-madwar utilizzawh għal numru ta’ għanijiet oħra. Fosthom kien hemm dak ta’ razzett taħt l-art. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija xi nies li kienu joqogħdu fl-inħawi għamlu użu mill-ipoġew bħala xelter kontra l-attakki mill-ajru.
Fi żminijiet aktar riċenti dawn il-katakombi sarulhom interventi estensivi ta’ konservazzjoni u titjib taħt d-direzzjoni ta’ Heritage Malta biex hekk il-pubbliku jkun jista’ jżurhom.
Direzzjoni