Il-Kappella tal-Madonna tal-Isperenza – arkitettura barokka u ex-voto
Mibnija fl-1760, din hi waħda mill-isbaħ kappelli fil-Mosta. Kif jidħol fiha, il-viżitatur jintlaqat mill-isbuħija tad-dekorazzjoni barokka. Il-pitturi jinkludu t-titular fuq l-artal maġġur u ż-żewġ kwadri tal-ġnub, kollha xogħol ta’ Rokku Buhagiar. Pittura oħra li tirrappreżenta l-Madonna tal-Isperanza, hija ta’ Ġużeppi Calì, filwaqt li l-istatwa titulari ħadimha Ġlormu Dingli.
Il-kappella, u l-għar li hemm taħtha, huma sit Marjan li ilu jgawdi devozzjoni minn żminijiet antiki. Hemm numru ta’ ex-voto fis-sagristija u kif ukoll ġewwa l-għar. Minħabba li dil-kappella hi marbuta mal-leġġenda tat-tfajla li gawdiet mill-protezzjoni divina biex ma tinqabadx bħala lsira mill-kursari tal-Barbarija, u hija ddedikata lill-Madonna tat-Tama tal-Insara, ħafna morda żaruha biex jitolbu għall-fejqan.
L-ex-voto li hemm huma xhieda tal-ħajr lil Alla għall-grazzji maqlugħin bl-interċessjoni ta’ Ommna Marija. Ninnutaw l-ittri V.F.G.A. li bil-Latin ifissru: votum fecit gratiam accepti – jiġifieri, saret wegħda u ngħatat grazzja.
Direzzjoni