It-Tmien Anjoletti Madwar Il-Parti T’isfel Tal-Koppla
Kull waħda minn dawn l-anjoletti fiha xena mill-ħajja ta’ Kristu u l-profeta li kien indika dak il-mument partikulari. Dawn il-pitturi saru mill-artist rinomat Ġużeppi Calì (1846-1930) li pittirhom direttament fuq il-ħajt tal-ġebel bejn l-1900 u l-1903. Jekk narawhom bil-kontra ta’ kif idur l-arloġġ, mix-xellug tal-artal maġġur, ix-xeni huma dawn: it-twelid ta’ Kristu u l-profeta Isaija; Il-miġja tat-tliet Slaten Maġi u l-profeta David; Kristu tfajjel jiddisputa mal-għorrief fit-tempju u l-profeta Ġoel; Ġesù jippriedka lill-appostli u l-profeta Ġeremija; Marija Maddalena niedma f’riġlejn Kristu u r-Re Salamun; Kristu jqajjem mill-mewt lil iben l-armla ta’ Najm u l-profeta Eżekjel; Kristu dieħel Ġerusalemm fuq ħmar, milqugħ bil-friegħi tal-palm u ż-żebbuġ u l-profeta Żakkarija; il-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-mewt u l-profeta Sofonija.